Fondi se jgħinu persuni b’diżabilità jiksbu PhD dwar is-settur tad-diżabilità

Parliamentary Secretariat for Active Ageing and Persons with Disability

Programm tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, PEKTUR, u d-Dipartiment għall-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta qed jallokaw fond ta’ €25,000 provdut mill-Fond Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti. Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva kien spjegat li PEKTUR jagħti assistenza finanzjarja lil persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jkomplu jedukaw ruħhom, jitħarrġu u jagħmlu riċerka f’oqsma relatati mad-diżabilità.

Kien spjegat li dan il-fond jimmira biex jipprovdi opportunità ta’ finanzjament lil żewġ persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jagħmlu PhD dwar studji fuq id-diżabilità. Dawn iż-żewġ persuni se jkunu qed jingħataw is-somma ta’ €10,000 kull wieħed biex ikopru b’mod sħiħ dan il-kors. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll disponibbli s-somma ta’ €5,000 li se tkopri proġetti ta’ riċerka ad-hoc f’dan il-qasam.

Permezz ta’ din l-għotja, għalhekk, persuni b’diżabilità li jixtiequ jagħmlu riċerka fuq livell ta’ PhD se jkunu jistgħu japplikaw mingħajr il-ħsieb li jridu jkopru l-ispejjeż.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li l-għoti ta’ dan il-fond lil persuni b’diżabilità biex iwettqu riċerka fuq dan il-livell, ifisser ukoll li f’dan l-istudju se tiġi provduta esperjenza personali diretta li se twassal biex wieħed jifhem aħjar il-ħajja personali ta’ persuna b’diżabilità f’Malta.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet għall-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li f’diversi oqsma tad-diżabilità hemm nuqqas ta’ riċerka dettaljata u biex verament ikun hemm bidla soċjali, dawn l-oqsma jridu jiġu indirizzati. Qal li jittama li r-riċerka li toħroġ minn dawn l-istudji tħalli l-frott fuq dawk l-oqsma tad-diżabilità li jeħtieġu attenzjoni.

“L-Università minn dejjem stinkat sabiex tkun inklussiva u rappreżentattiva tal-istess soċjetà li fiha tiffunzjona. Din l-opportunità, biex żewġ individwi jesploraw l-interessi tagħhom u jespandu l-mod li bih aħna naħsbu dwar id-diversità bħalissa, hija waħda tad-deheb. Dan għaliex se jgħinuna nkunu iktar proattivi fil-mod kif naffrontaw kwistjonijiet relatati ma’ persuni b’diżabilità f’kuntest lokali”, qal il-Prof. Alfred J.Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta.

“Bħala fakultà aħna kommessi li nagħmlu riċerka li tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà li aħna parti minnha, li nispiraw ruħna minnha u li nitgħallmu minnha. Din l-ischolarship grant taqbel ħafna mal-viżjoni tagħna għaliex inħossu li huwa d-dmir tagħna li nżidu l-għarfien fuq kif l-istudji fid-diżabilità jinfluwenzaw il-ħajja ta’ dawn l-individwi. Qed nirrikonoxxu wkoll il-fatt li rridu nsaħħu r-retorika li tgħinhom jirnexxu”, qal il-Prof. Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.