Fondi Maltin u Ewropej se jintużaw fuq akkomodazzjoni soċjali l-Belt

DOI - Clodagh O'Neill

Bħalissa qed isir xogħol fuq proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Belt Valletta li qed isir minn fondi Maltin u dawk Ewropej.

Fi stqarrija konġunta l-Ministeru għall-Infrastruttura u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej qalu li meta l-proġett ikun lest, il-proprjetà se tgħaddi għand il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex tintuża bħala akkomodazzjoni soċjali.

Il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi żaru proprjetà fi Triq Żekka, fil-Belt Valletta, fejn il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed twettaq xogħlijiet b’investiment ta’ madwar €1.2 miljun, ko-finanzjati minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Ian Borg qal li “Dawn is-700 metru kwadru se jkunu qegħdin jagħtu 16-il sodda fi 8 appartamenti. Impenjati li nkomplu nidentifikaw aktar u aktar binjiet u proprjetajiet biex nagħtuhom użu aħjar.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li r-riġenerazzjoni fuq din il-binja hija parti minn proġett ferm akbar li jinkorpora r-riġenerazzjoni kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta li wassal għall-investiment ta’ €24 miljun minn fondi Ewropej.

Fost ix-xogħlijiet sar restawr tal-faċċata filwaqt li żdied sular ieħor fuq dak eżistenti u tneħħew soqfa u strutturi oħra perikolużi. Il-binja se tkun aċċessibbli kollha kemm hi u se jiġi installat lift filwaqt li ttieħdu miżuri favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma. Dan ix-xogħol jifforma parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsamxett ko-finanzjat b’fondi mill-UE.