​Fondi għall-Kunsilli Lokali Għawdxin għar-restawr ta’ siti storiċi

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet skema ġdida biex il-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €10,000.
Caruana saħqet li din l-iskema għandha tinċentiva lill-Kunsilli Lokali biex jidentifikaw siti storiċi fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jiġu restawrati.
Il-Ministru qalet li “Madwar Għawdex kollu nsibu diversi siti ta’ valur storiku u importanti u għaldaqstant huwa d-dmir tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvawhom u nippreservawhom kemm għalina kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet li jiġu warajna”.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex spjega li r-rata ta’ ko-finanzjament għal dawn il-proġetti hi ta’ 90% mill-Ministeru għal Għawdex u 10% mill-Kunsill Lokali. Skont il-Ministeru, il-Kunsilli Lokali għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa l-1 ta’ Diċembru 2017.
Ritratti: MGOZ