Fondi għal riċerka biex Malta ssir ċentru tal-LNG

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Kummisjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Enerġija u Transport Malta biex Malta tingħata fondi biex ikun jista’ jibda studju tekniku biex l-LNG jibda jintuża bħala karburant marittimu f’Malta.
B’kollox, Malta se tkun qed tingħata €600,000.
Dawn ingħataw wara proposta sottomessa f’Diċembru li għadda taħt is-sejħa Connecting Europe Facility programme li għandu total ta’ €40 miljun.
L-għan ta’ dan il-programm huwa li tappoġġ azzjonijiet ta’ sinerġija bejn is-setturi tat-trasport u tal-enerġija biex tkun implimentata infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija sostenibbli u effiċjenti madwar l-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dan l-istudju se jgħin lill-Gvern fit-twaqqif ta’ politika f’dan il-qasam biex jibda jintuża iżjed l-LNG bħala fjuwil tal-baħar. Apparti minn hekk, ikunu attirati wkoll investituri fis-settur.
Fost oħrajn, l-istudju se jkun qed jidentifika l-infrastruttura tal-portijiet biex ikunu żviluppati tankijiet tal-LNG, l-aspetti ekonomiċi, ambjentali u fatturi oħra marbuta mas-saħħa u s-sigurtà.
Wara sejħa pubblika, l-istudju se jkun qiegħed isir minn Tractebel Engineering S.p.A taħt is-sorveljanza tal- L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u t-Trasport Malta.