Fondi Ewropej dritt għall-bwiet tat-traffikanti – Amnesty

L-organizzazzjoni mhux governattiva Amnesty International qalet li fondi Ewropej qed jingħataw lil awtoritajiet li qed jaħdmu direttament ma’ traffikanti ta’ persuni u membri ta’ milizzji fil-Libja.
Dan ħareġ minn rapport imħejji mill-organizzazzjoni, li juri biċ-ċar li gvernijiet Ewropej qed jiffinanzjaw l-isfruttar u t-tortura tar-refuġjati u l-immigrati fil-Libja, bl-għan li jittaffa’ l-piż tal-migrazzjoni fuq l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Skont ir-rapport, l-UE pprovdiet lill-gwardjani tal-kosta Libjana b’bastimenti, fondi u taħriġ sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-fluss tal-immigranti mil-Libja lejn l-Ewropa.
Fil-fatt, Amnesty International sabet li l-wasliet tal-immigrati fl-Italja naqsu drastikament malli l-UE bdiet tagħti għajnuna finanzjarja lill-gwardjani tal-kosta Libjana.
Madankollu, l-uffiċjali tal-UE kienu konxji li l-istess gwardjani bdew irażżnu l-ivvjaġġar tal-immigranti bl-għajnuna ta’ gruppi kriminali u traffikanti tal-persuni, li abbużaw u sfruttaw lill-immigranti. 
Ir-refuġjati u l-immigranti jintbagħtu f’ċenti ta’ detenzjoni mmexxija mid-direttorat ġenerali għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.
Skont Amnesty, madwar 20,000 persuna bħalissa qed jinżammu f’dawn iċ-ċentri fejn jiġu ttorturati, sfruttati, u saħansitra maqtula minn traffikanti jew milizzji, li qed jaħdmu bl-awtorizzazzjoni ta’ uffiċjali Ewropej.