Fondi Ewropej jgħinu fit-titjib tal-ħarsien tal-fruntieri b’5 proġetti

Il-Korp tal-Pulizija rnexxilu jakkwista fondi Ewropej għal ħames proġetti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Immigrazzjoni.
Dawn il-fondi Ewropej għall-2014 u 2015 għenu fix-xiri ta’ Advance Passenger Information, apparat li jiġbor informazzjoni bikrija mil-linji tal-ajru u vapuri tal-passiġġieri u din titqabbel mal-listi internazzjonali u lokali, bil-għan li jiġu identifikati kriminali, l-użu ta’ dokumenti foloz u immigranti rregolari qabel jaslu f’Malta.
Dan se jwassal biex jonqos l-ammont ta’ persuni li jerġgħu jintbagħtu lura għax se jitwaqqfu qabel jirkbu l-ajruplan jew il-vapur.
Il-Korp tal-Pulizija enfasizza li dan kien l-ikbar proġett kemm bħala fondi kif ukoll bħala mertu.
Il-fondi Ewropej iffinanzjaw ukoll ix-xiri ta’ 30 two-way radio għall-uffiċjali li jaħdmu fl-immigrazzjoni jew is-sorveljanza tal-fruntieri tal-gżejjer Maltin.
Se jinxtraw ukoll 30 handheld biometric device għall-uffiċjali fil-fruntieri li m’għandhomx aċċess għal kompjuter.
Proġetti oħra jinkludu dawk li saru fit-Taqsima Nazzjonali tax-Schengen, biex marki tas-swaba u passaporti jiġu mqabbla ma’ dawk tas-sistema Ewropea tal-viżas u x-xiri ta’ 37 kompjuter u apparat ieħor meħtieġ biex tiżdied l-effiċjenza fil-kontroll tal-fruntieri u l-immodernizzar tat-Taqsima Nazzjonali tax-Schengen.