Fondi Ewropej għar-restawr tal-koppla taż-Żurrieq

Read in English.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda r-restawr minn barra tal-koppla tal-knisja arċipretali ta’ Santa Katarina fiż-Żurrieq. Dan il-proġett, li ser isir b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ser jiswa €70,000.

Id-dettalji tal-proġett tħabbru dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u mill-Arċipriet taż-Żurrieq Dun Karm Mercieca. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li matul ix-xogħol ta’ restawr se titnaddaf il-ġebla tal-koppla u jinbidel il-ġebel li ġarrab l-akbar ħsara, se jitneħħa l-membrane u jiġi rrestawrat id-deffun, u se jiġu rrestawrati wkoll l-aperturi tal-injam. Il-knisja taż-Żurrieq, li nbniet fis-seklu 17 u ġiet ikkonsagrara mill-Isqof Alpheran de Bussan fl-1731, hi waħda mill-ewwel knejjes f’Malta mibnija fuq stil Barokk, u hi mogħnija b’diversi pitturi ta’ Mattia Preti. 

F’isem il-parruċċani Żrieqaq, l-Arċipriet Dun Karm Mercieca rringrazzja lis-Segretarjat għall-Fondi Ewropej, lill-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom sabiex tiġi rranġata l-koppla u b’hekk il-knisja titħares mill-elementi. L-Arċipriet awgura li l-arkitettura u l-arti ta’ din il-knisja parrokkjali tkompli tkun espressjoni ta’ fidi li ddawwal ħajjitna, partikolarment fi żminijiet diffiċċli li qed ngħixu bħalissa minħabba l-pandemija. 

Michael Pace Ross qal li dan il-proġett, li se jiġi jiswa madwar €70,000, ma kienx ikun possibbli li kieku l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mas-Segretarjat Parlamenti għall-Fondi Ewropej, ma ħadmux flimkien. Ħabbar li r-restawr fuq il-koppla taż-Żurrieq mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Qal li dan il-proġett ta’ restawr hu wieħed mit-32 proġett ta’ konservazzjoni u restawr li l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq f’diversi parroċċi permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan l-investiment il-paroċċa taż-Żurrieq se tkun qed tippreserva l-wirt kulturali reliġjuż biex uliedna jkunu jistgħu ikomplu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna.