Fondazzjoni tal-Knisja tniedi proġett ta’ €8 miljun biex tgħin lil familji fl-Iraq

Eluf ta’ Kristjani fl-Iraq se jirċievu ikel, postijiet fejn jistkennu, tagħlim u rigali għat-tfal, hekk kif tnieda programm ta’ emerġenza.
Il-programm, ta’ €4 miljun, ġie varat mill-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need.
Nofs l-investiment se jmur għat-twaqqif ta’ 8 skejjel li se jkunu magħmulin minn strutturi temporanji li jakkomodaw sa 15,000 tifel u tifla.
Il-bqija tal-fondi se jippermettu biex fost l-oħrajn jitwaqqfu 150 struttura temporanja biex fihom jgħixu nies bla dar, ikel u kiri ta’ akkomodazzjoni oħra, quddies għall-benefatturi u għajnuna lil 28 Seminarista biex ikomplu l-istudji tagħhom fis-Seminarju.
Il-fergħa ta’ Aid to the Church in Need f’Malta spjegat li bħalissa fl-Iraq hemm pressjoni qawwija biex eluf ta’ familji jiġu evakwati mit-tined temporanji qabel ma tidħol ix-xitwa u t-temp kiefer li jaħkem lill-pajjiż.
Spjegat li dawn il-komunitajiet jiddependu mill-ġenerożità tan-nies. Fakkret ukoll li dawn ilhom kważi erba’ xhur li kellhom iħallu djarhom u ħwejjiġhom ħabta u sabta minħabba li t-terroristi tal-Istat Iżlamiku daħlu u okkupaw il-villaġġi tagħhom.
Aid to the Church in Need (Malta) qed tħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jagħtu donazzjoni biex jikkuntattjawha permezz tas-sit elettroniku tagħha jew b’imejl fuq info@acnmalta.org. L-organizzazzjoni tinsab fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard.