Fondazzjoni Sebħ b’direttur ġdid

Yvonne Mallia, social worker b’aktar minn 25 sena esperjenza fil-qasam soċjali, inħatret bħala d-Direttur il-ġdid ta’ Fondazzjoni Sebħ mill–Arċisqof Charles Scicluna.

Mallia tieħu post Andrew Azzopardi, li se jibqa’ fil-Bord tal-Amministrazzjoni u Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja. Hu ddeskriva lil Mallia bħala persuna b’ħafna esperjenza u li taf tagħti l-għajnuna lil dawk li jfittxuha mill-Fondazzjoni Sebħ.

Fondazzjoni Sebħ hija l-għaqda mhux governattiva tal-Knisja f’Malta li tieħu ħsieb madwar 40 tifel u tifla f’kura residenzjali u tipprovdi għall-bżonnijiet tagħhom. Il-fondazzjoni tgħin ukoll 13-il familja li jgħixu f’Dar Qalb ta’ Ġesù. Din id-dar hi xelter għall-vittmi tal-vjolenza domestika u toffrilhom sigurtà u tama għal futur aħjar. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll childcare centre u servizz ta’ ħidma soċjali fil-komunità fil-Ħamrun u l-Marsa.

Yvonne Mallia, qabel ma ssieħbet mal-fondazzjoni, kienet Direttur tal-Aġenzija Appoġġ, fejn kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ diversi servizzi ewlenin f’Malta. Is-sena li għaddiet Mallia ngħaqdet ma’ Fondazzjoni Sebħ bħala Maniġer tas-Servizzi tal-Familja, fejn kienet tifforma parti mit-tim ta’ tmexxija.