Fondazzjoni Richmond għandha bżonn fondi u voluntiera

Read in English.

Il-Fondazzjoni Richmond qed tesperjenza żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha, iżda fl-istess waqt qed issofri wkoll minn nuqqas ta’ dħul finanzjarju.

Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-istess fondazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Stephania Dimech Sant qalet li l-problemi ta’ saħħa mentali qiegħdin fuq fomm kulħadd minħabba l-pandemija. B’hekk Richmond intlaqtet b’mod dirett ħafna fejn kien hemm żieda fit-talba għas-servizzi, iżda kien hemm nuqqas ta’ domanda għal servizzi oħrajn bħal taħriġ li kien sors ta’ dħul importanti ħafna għal Richmond.

“Aħna qiegħdin fil-proċess li naddattaw għas-sitwazzjoni, kemm billi nespandu s-servizzi tagħna u kemm biex nadattaw is-servizzi li konnha nagħtu wiċċ imb’wiċċ biex nagħtuhom onlajn,” qalet Dimech Sant.

Il-pandemija wasslet sabiex Richmond taħdem iktar b’ħafna aktar spejjeż u d-dħul naqas. Qalet li l-finanzjament tal-Gvern għadu jingħata, iżda d-dħul l-ieħor naqas drastikament. Qalet li se jkun hemm bżonn ta’ madwar €500,000 biex matul din is-sena, il-Fondazzjoni Richmond tlaħħaq mad-domanda.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar kemm hemm persuni li jiġu bżonn is-servizzi tal-Fondazzjoni Richmond matul iż-żmien, Dimech Sant qalet li matul is-sena, il-Fondazzjoni ġeneralment tgħin madwar 2,000 persuna.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Operazzjoni tal-Fondazzjoni Daniela Calleja Bitar qalet li l-helpline 1770, li issa ilha li daħlet fis-seħħ madwar sentejn issa qed tintuża bħala helpline nazzjonali. Qalet li f’ġimgħa waħda, dan is-servizz qed jilqa’ mas-600 telefonata. Qalet li qabel, is-600 telefonata kienu jidħlu fi żmien tliet xhur.

Spjegat kif Richmond daħal fi spejjeż ta’ PPEs u r-residenzi tagħhom ġew addattati biex ikun hemm isolation rooms f’każ li resident jinstab pożittiv. Qalet li persuni li huma vulnerabbli daħlu f’lockdown tliet ġimgħat ilu, li wassal għal spejjeż kbar fuq il-fondazzjoni.

Calleja Bitar spjegat li skont riċerka li għamlu dan l-aħħar, iż-żgħażagħ huma fost l-aktar li qed iħossuhom iżolati f’dan iż-żmien. Intant, l-anzjani jidher li għanhom aktar tama u pożittività li din is-sitwazzjoni se tgħaddi.

Il-Fondazzjoni qalet li l-istaff se jibqa’ impenjat jaħdem qatiegħ sabiex jiżgura li l-klijenti fil-bżonn jingħataw servizz kontinwu. Il-Fondazzjoni qalet li teħtieġ is-sapport tal-pubbliku u l-kumpaniji biex tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha. Qalet li teħtieġ sapport finanzjarju u voluntiera.

Individwi u kumpaniji jistgħu joffru sapport finanzjarju lill-Fondazzjoni Richmond permezz tal-Gift of Therapy. Id-donazzjonijiet jgħinu lill-Fondazzjoni Richmond sabiex tipprovdi terapija b’xejn lil min għandu bżonn imma ma jiflaħx iħallas għaliha. Donazzjonijiet iżgħar jistgħu isiru permezz ta’ SMS. Kontribuzzjonijiet ikbar, bħal minn kumpaniji, jistgħu isiru permezz ta’ trasferiment bankarju jew ċekk.

Is-servizz tal-Gift of Therapy jingħata mhux biss lill-pubbliku li jkollu bżonn servizz ta’ terapija iżda m’għandux minn fejn iħallsu, iżda wkoll lill-impjegati tagħha u lill-klijenti li jgħixu fir-residenzi. Ma’ Newsbook.com.mt Calleja Bitar sostniet li t-terapija tiswa’ l-flus u b’hekk is-servizz tal-Gift of Therapy iħallas it-terapija għal dawk li verament għandhom bżonnha.

Il-Fondazzjoni Richmond qed tistieden kemm professjonisti kif ukoll individwi li jixtiequ jkunu ta’ sapport biex jgħinu fl-operazzjonijiet bħala volontiera. Dimech Sant qalet li hemm bżonn persuni professjonali li għandhom degree jew esperjenza biex jgħinu kemm fil-helpline tal-1770 u jekk ikun hemm bżonn aktar għajnuna biex il-Fondazzjoni tkun tista’ tibqa’ għaddejja bis-servizzi tagħha f’dan il-perjodu ta’ inċertezza.

Dimech Sant qalet li qed jitolbu l-għajnuna ta’ persuni oħrajn li forsi għandhom ftit tal-ħin li jistgħu jagħtu anke b’mod prattiku. Qalet li hemm ċertu djar li jippreparaw l-ikel, imbagħad dan jitqassam fi djar oħrajn. Qalet fost l-oħrajn persuni jitsgħu jgħinu billi jwasslu l-ikel.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar jekk voluntiera mill-pubbliku inġenerali hux bilfors se jkollhom jagħmlu xogħol volontarju li bih ikollhom joħorġu minn darhom, Dimech Sant spjegat li dan mhux neċessarju. Qalet li bħalissa qed issir evalwazzjoni ta’ x’inhuma l-għajnuniet li hemm bżonn u l-voluntiera mill-pubbliku jkunu jistgħu jgħidu huma stess x’inhu dak li huma jistgħu u kapaċi joffru fejn tiħdol għajnuna.