Fondazzjoni Oasi tfakkar il-Jum Dinji kontra d-droga

Fondazzjoni Oasi, li taħdem kontra l-vizzji, organizzat konferenza nazzjonali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga.
Il-konferenza saret anke fl-okkażjoni ta’ għeluq l-24 sena mit-twaqqif tal-fondazzjoni, u fetħet sena attivitajiet li se jwassluha għall-25 anniversarju.
Fil-konferenza, bit-tema “Il-Familja Maltija fit-Tielet Millennju – Progress u Sfidi”, ħadu sehem il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana flimkien ma’ professjonisti li tkellmu dwar il-familja f’kuntest differenti.
Il-President ta’ Malta tkellmet dwar l-importanza tal-familja bħala bażi tas-soċjetà waqt li enfasizzat il-bżonn ta’ soċjetà ġusta u progressiva li tinkludi kull struttura ta’ familja biex ħadd ma’ jibqa’ lura.
L-Isqof Mario Grech irrefera għall-effetti negattivi fuq il-familja ta’ soċjetà individwalistika u l-ħtieġa li jkun hemm politika li tinforza iktar il-familja tal-lum.
Sostna li l-individwaliżmu qed jifni l-bniedem u jirrendih bla ħila biex jgħix fl-ambjent tal-familja. 
Qal li xi drabi, l-istess definizzjonijiet li nagħtu lill-familja huma rifless ta’ dan l-individwaliżmu. 
Awgura li li l-esperjenza tal-familja tgħin biex l-individwaliżmu jingħeleb.
Anton Refalo, min-naħa tiegħu, tkellem dwar il-biża’ ta’ ġenituri li uliedhom jistgħu jbatu mill-użu ta’ droga u l-alkoħol u l-importanza ta’ entitajiet bħall-Fondazzjoni Oasi li jgħinu lill-familji.
Justyne Caruana tkellmet dwar il-ħtieġa li l-politika tgħin lil min hu l-iktar vulnerabbli u semmiet inizjattivi tal-Gvern biex jgħinu lill-persuni b’diżabilità, lill-anzjani u lill-familji tagħhom. 

Ritratt: George Scerri – MGOZ