Fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet

Miguela Xuereb

Il-Gvern nieda fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet volontarji li jammonta għal €125,000. Dan minħabba s-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha l-għaqdiet volontarji minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Dan il-fond, li hu amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, se jgħin lill-għaqdiet volontarji finanzjarjament f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

Kull għaqda volontarja tista’ tapplika sa massimu ta’ €5,000.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, bħala l-ministru li jamministra l-Fond għall-Kawżi Ġusti, ta s-somma ta’ €50,000 għal dan il-fond ta’ emerġenza lill-għaqdiet volontarji. Il-Ministru Scicluna qal li bħala ministeru, jagħtu eżenzjonijiet minn ħlas ta’ taxxa kemm fuq xi profitti li NGOs jistgħu jagħmlu kif ukoll tax credits lil dawk il-kumpaniji li jagħtu sponsorships u donazzjonijiet lill-NGOs taħt ċerti kundizzjonijet. Jagħtu wkoll eżenzjonijiet lil dawk l-għaqdiet volontarji żgħar li l-introjtu tagħhom matul is-sena ma jaqbiżx l-€10,000.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qal li l-Kunsill nieda diversi inizjattivi sabiex, fiċ-ċirkostanzi preżenti minħabba l-imxija tal-COVID 19, ikun f’pożizzjoni li jassisti kemm lis-settur tal-volontarjat kif ukoll lill-pubbliku. Hekk kif bdiet din is-sitwazzjoni, il-Kunsill kien f’pożizzjoni li jibqa’ jagħti s-servizzi tiegħu b’mod remot. Bħala servizz miżjud, tnieda n-numru dirett 79481120, li jista’ jintuża 24/7 biex jassisti lill-għaqdiet volontarji.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu aċċessati minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn