Fond ġdid għall-iżvilupp tal-karrieri taż-żgħażagħ Għawdxin

Rotary Club Gozo għadhom kif ħabbru fond ġdid li se jgħin liż-żgħażagħ Għawdxin jiżviluppaw il-karriera tagħhom. B’hekk żgħażagħ Għawdxin ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom fil-karriera.
Il-President ta’ Rotary, Guy Kurkjian, qal li ż-żgħażagħ għandhom bżonn finanzi biex ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem f’karriera, dan sabiex jixtru materjali, kotba, iħallsu għal privat jew biex ikunu jistgħu jistudjaw f’pajjiżi barranin.
Sostna li kultant l-iktar individwi b’talent jiġu minn familji fqar, u huma, b’mod partikolari, għandhom bżonn l-għajnuna. Qal li minkejja dan, dan il-fond mhux biss għal dawn il-persuni, iżda għall-istudenti Għawdxin kollha, li se jkunu ġġudikati skont il-meritokrazija.
Il-Ministeru għal Għawdex u The Gozo Business Chamber qed jappoġġjaw din l-inizjattiva. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ħabbar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħin lil Rotary Club Gozo jilħaq l-għanijiet tiegħu.
 
Ritratti: MGOZ – George Scerri