“Fomm ir-Riħ għadu mhux mittiefes; tirrovinawhx” – NGOs

Read in English.

Diversi għaqdiet leħħnu ħsibijiethom kontra l-proposta biex f’Fomm ir-Riħ jinbena kumpless turistiku, li qed jiġi rriklamat bħala proġett tal-agrituriżmu. L-għaqdiet appellaw lill-awtoritajiet biex ma jirrovinawx dan il-post li għadu mhux mittiefes.

Bil-proġett propost għandhom jitwaqqgħu għadd ta’ binjiet eżistenti sabiex minflokhom jinbnew suites, u tittieħed ukoll art li għadha mhix mibnija. Huma proposti li jinbnew 11-il binja individwali bil-ħġieġ.

L-għaqdiet urew tħassib dwar il-fatt li l-bajja hija diġà diffiċli biex taċċessaha. Għalhekk, jekk ikun hemm żvilupp fiż-żona, din id-diffikultà għandha tikber. It-triq li twassal għaliha hija dejqa u mdawra bil-ħitan tas-sejjieħ. L-għaqdiet qalu li li kieku l-proġett kellu jsir, it-toroq ikunu jridu jitranġaw biex ikunu iżjed addattati għat-traffiku mistenni, u dan, skont l-għaqdiet, ikompli jżid mal-ħsara.

Apparti hekk, mal-bajja tintmess ukoll il-veduta mill-Victoria Lines. Skont l-NGOs, l-iżvilupp joħloq eyesore.

L-għaqdiet qalu li l-proposta hija illegali ladarba l-post jitqies ta’ Grad 3 u suppost huwa protett bil-liġi. Lil hinn minn hekk, ladarba ż-żona titqies bħala ODZ, bini hemmhekk jiġi permess jekk ikun se jipprovdi sapport lil xi intrapriża stabbilita tal-biedja, li mhuwiex il-każ. L-għaqdiet komplew jisħqu li apparti dan, l-iżvilupp irid ikun kompatibbli mal-karattru rurali taż-żona, u l-iżvilupp propost ma jikkumplimentahx.

L-għaqdiet firmatarji ta’ din l-istqarrija huma Ramblers’ Association of Malta, Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA), Nature Trust Malta, Friends of the Earth Malta, Din L-Art Ħelwa, Futur Ambjent Wieħed and The Archaeological Society of Malta.