“Foloz l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-Gvern” – Il-Gvern Malti u Amerikan

Read in English.

Il-Gvern Malti u l-Gvern Amerikan qalu li kull allegazzjoni li timplika li hemm nuqqas ta’ fiduċja f’xi individwi fil-Gvern min-naħa tal-Amerka, hija falza, peress li ż-żewġ gvernijiet għandhom relazzjoni tajba.

Aqra: Darren Debono jirrifjuta li jispija fuq Muscat u Schembri għall-Amerikani – rapporti

Iż-żewġ gvernijiet ħarġu stqarrija konġunta, li fiha insistew li għandhom relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom. Dan fid-dawl tat-tagħrif li ħareġ fil-qorti, li Darren Debono ntalab jipprovdi informazzjoni dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri lill-Amerikani. Dan qalu l-avukat ta’ Debono, Victor Bugeja, fil-qorti. Debono kien ġie arrestat fl-Italja fl-2017 fuq akkużi ta’ traffikar ta’ fjuwil bejn il-Libja, Malta, u l-Italja.

Aqra: Darren Debono jintalab jikkollabora mal-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta

L-istqarrija tgħid li Malta u l-Istati Uniti jaħdmu flimkien b’manjiera trasparenti u onesta, fuq affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, kulturali u edukazzjonali, fuq konsultazzjoni politika, sigurtà u koperazzjoni ta’ infurzar tal-liġi.

Qalu wkoll li tul l-aħħar tliet snin, kien hemm tkabbir sinifikanti fis-sħubija ta’ bejniethom b’infurzar tas-sigurtà u tal-liġi b’koperazzjoni kontra theddid komuni għaż-żewġ pajjiżi. Żiedu jgħidu li flimkien iridu jsibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet ta’ importanza globali bħat-tibdil fil-klima, sigurtà tal-enerġija, traffikar tad-drogi u tal-persuni, u immigrazzjoni.