Ritratti: “Illum Pariġi hi l-kapitali tad-dinja” – Hollande

Aġġornata 18:57
F'messaġġ fuq Facebook, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil qal li d-dinja qed turi li l-għaqda u l-libertà dejjem se jirbħu kontra t-terroriżmu.

Aġġornata 17:48

Il-President Franċiż Francois Hollande qal li llum Pariġi hija l-kapitali tad-dinja. Matul il-marċ ta' għaqda, huwa sostna li l-pajjiż kollu se jerġa’ jqum fuq saqajh. Il-Gvern Franċiż iddeskrieva dan bħala l-akbar marċ fl-istorja ta’ Franza. Fuq quddiem nett, kien hemm il-qraba tal-vittmi
Ġiet osservata minuta silenzju qabel ma ngħata bidu għal dan il-marċ.

Aktar kmieni
Folol kbar flimkien mal-mexxeja ta’ 40 pajjiż qed jinġabru f’Pariġi għall-marċ ta’ solidarjetà mas-17-il vittma li nqatlu fl-attakki fi Franza. Huwa mistenni li iktar minn miljun persuna jinżlu fit-toroq fosthom numru ta' persuni Maltin li jgħixu fi Franza u l-Prim Ministru Joseph Muscat.  
Il-Prim Ministru Joseph Muscat intlaqa' mill-President Franċiż Francoise Hollande fil-Palazz Elysees eżatt qabel il-bidu ta' dan il-marċ.
Ftit qabel il-marċ, fuq l-internet beda jdur filmat li fih l-agressur Amedy Coulibaly li żamm erba’ ostaġġi f’ supermarket fil-lvant ta’ Pariġi u li nqatel iktar tard mill-pulizija, jidher jammetti l-alleanza mal-militanti tal-Istat Iżlamiku.
Fl-istess filmat, Coulibaly jgħid li ħadem mill-qrib mal-aħwa Kouachi li għamlu ħerba u massakru fuq il-ġurnalisti u l-edituri tar-rivista Charlie Hebdo.
L-agressur jgħid li nqasmu f’żewġ timijiet sabiex ikabbru l-impatt tal-attakki. Coulibaly huwa maħsub li qatel ukoll lill-pulizija mara f’Montrouge nhar il-Ħamis, l-għada tal-attakki fuq il-bini ta’ Charlie Hebdo. It-tfajla tiegħu Hayat Boumeddiene għadha mfittxija mill-Pulizija Franċiża.
Ritratti: DOI – Omar Camilleri, Facebook