FoE tisħaq li t-TTIP se jkompli jdgħajjef lill-biedja Maltija

Friends of the Earth Malta qed issostni li l-ftehim Trans-Atlantiku għall-Kummerċ u l-Investiment, magħruf bħala TTIP, se jkompli jagħmel lis-settur agrikolu Malti iktar vulnerabbli milli diġà hu minħabba l-importazzjoni qawwija ta’ prodotti agrikoli Amerikani fis-suq Ewropew.
Saħansitra qed tiddeskrivih bħala ftehim li jista’ jġib diżastri għall-agrikoltura Ewropea u rreferiet għal rapport ippubblikat minn Friends of the Earth Europe (ara isfel).
L-organizzazzjoni f’Malta qed tappella lill-Gvern biex jagħmel u jippubblika rapporti li jistudjaw l-impatt ta’ dan il-ftehim fuq Malta hekk kif ikkwotat rapport tal-World Trade Industry li jpoġġi lil Malta bħala l-uniku pajjiż li se jkollu telf ekonomiku ta’ 0.3% fid-dħul u ta’ 0.7% fl-investiment tal-pajjiż.
Spjegat li hi l-Istati Uniti li se tiggwadanja bil-ftehim TTIP minħabba li għandha kumpaniji ġganti tal-ikel u rziezet li, minħabba l-kobor tagħhom, jistgħu jżommu l-prezzijiet baxxi nkluż f’setturi speċifiċi tal-ikel bħal fil-każ tal-ġobon.
Irrimarkat ukoll li jistgħu jonqsu miżuri ta’ ħarsien favur il-konsumatur hekk kif mill-Istati Uniti hemm pressjoni fuq l-UE biex tnaqqas regoli u tippermetti prodotti motifikati ġenetikament, u tibdel regoli dwar pestiċidi u l-laħam. 
Ir-rapport u sommarju tiegħu jistgħu jinqraw minn hawn: