Foden kuntent li ddebutta ma’ Man City

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena Phil Foden iddebutta għal Manchester City fil-logħba li ntlagħbet it-Tlieta li għaddew mill-UEFA Champions League kontra Feyenoord. Din il-logħba ġiet mirbuħa mill-Ingliżi bl-iskor ta’ 1-0 u Foden kellu ċ-ċans jipparteċipa fiha fl-aħħar kwarta meta daħal fil-75 minuta minflok Yaya Toure. 
Foden huwa talent kbir li diġà mpressjona ferm fit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena  illi saret riċentement fl-Indja u li ġiet mirbuħa mill-Ingliżi. 
Huwa saħansitra rebaħ l-unur tal-plejer tat-turnament meta lagħab parti mportanti mis-suċċess ta’ The Three Lions. 
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Foden kien fis-seba’ sema b’dan id-debutt tiegħu għalkemm kien realistiku illi għad fadallu x’jitgħallem qabel ma jagħmilha mal-ewwel tim ta’ Manchester City.