F’Marzu l-Parlament se jiltaqa’ biss 9 ijiem

Matul dan ix-xahar is-Seduta Plenarja tal-Parlament mistennija tiltaqa’ biss disat ijiem.
Il-jumejn tal-Karnival –nhar it-Tnejn 3 u nhar it-Tlieta 4 ta’ Marzu– wasslu biex is-seduta tal-Kamra titħassar minħabba li l-attivitajiet tal-Karnival jilħqu l-qofol tagħhom fi Pjazza San Ġorġ, eżatt quddiem l-uniku bieb tal-Parlament.
Kien il-Kumitat għall-Affarijiet tal-Kamra, li ltaqa’ l-Erbgħa 19 ta’ Frar, li ddeċieda li l-attivitajiet tal-Karnival se jagħmluha impossibbli biex il-Membri Parlamentari jidħlu f’dawk il-ġranet fil-Parlament.
Dan ix-xahar se jfisser ukoll żewġ waqfiet oħra għall-ħidma tal-Parlament minħabba żewġ festi pubbliċi li jaħbtu fil-jiem li normalment tiltaqa’ l-Kamra.
Il-festa ta’ San Ġużepp, l-Erbgħa 19 ta’ Marzu, u l-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien, li din is-sena se taħbat it-Tnejn.
Dan ifisser li s-Seduta Plenarja tal-Kamra se tiltaqa’ b’kollox fil-jiem tal-Erbgħa 5, it-Tnejn 10, it-Tlieta 11 u l-Erbgħa 12, it-Tnejn 17 u t-Tlieta 18, it-Tnejn 24, it-Tlieta 25 u l-Erbgħa 26 ta’ Marzu.
Matul il-jiem l-oħra madankollu jiltaqgħu l-Kumitati differenti tal-Parlament, inkluż possibilment fi tmiem il-ġimgħa, b’rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-Kamra li jiddiskutu aspetti differenti marbuta max-xogħol tal-Parlament.