F’Marsaxlokk: Konsultazzjoni pubblika dwar il-pipeline bejn Malta u Sqallija

Laqgħa pubblika f’Marsaxlokk tat l-opportunità lill-għadd ta’ persuni preżenti sabiex jisimgħu preżentazzjonijiet u jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Enerġija, ġie spjegat li dan il-proġett se jgħaqqad lil Malta man-netwerk Ewropew tal-gass, liema proġett bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwaru marbut mal-proċedura tal-permessi.
Għal-laqgħa f’Marsaxlokk kien hemm preżenti għadd ta’ tekniċi li wieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku u li kienu ġejjn mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, l-Awtorità tal-Ippjanar, Transport Malta u l-Enemalta.
Fl-istqarrija ntqal li laqgħat simili se jkunu qed isiru kemm fi Sqallija u wkoll fl-Italja l-ġimgħa li ġejja.Il-pubbliku jista’ jibgħat il-mistoqsijiet tiegħu billi jissottometti l-kummenti bil-miktub lill-Ministeru għall-Enerġija (MEW) permezz ta’ imejl fuq gas-energywateragency@gov.mt jew bil-posta f’dan l-indirizz: Malta Gela Gas Pipeline, The Energy & Water Agency, WSC, Qormi Road, Luqa, sal-20 ta’ Mejju tal-2018.
Ritratt: MEW