“F’Malta ninkoraġġixxu l-ilbies tal-maskri u ninfurzaw il-miżuri” – Il-PM fi Brussell

Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-ġurnalisti fi Brussell li f’Malta qed naraw li nżidu l-infurzar tar-restrizzjonijiet li diġà hemm fis-seħħ billi jiżdiedu aktar pulizija fit-toroq biex jiżguraw rispett lejn il-miżuri kollha li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, u fl-istess waqt qed jiġi inkoraġġit aktar l-ilbies tal-maskri.

Dawn il-kummenti għaddiehom lill-ġurnalisti fi tmiem l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li fost l-oħrajn għandu fuq l-aġenda tiegħu l-pandemija tal-Covid-19.

Il-Prim Ministru qal li l-mexxejja huma kollha preokkupati bir-rati li qed jiżdiedu tal-infezzjonijiet f’kull pajjiż Ewropew. Qal li ż-żieda fl-infurzar u l-ilbies tal-maskri huma importanti ħafna għax jgħinu biex il-pandemija tinżamm taħt kontroll.

“Appell ewlieni li sar fil-Kunsill illum kien li ma nistgħux nagħlqu l-ekonomiji tagħna. Jiġifieri rridu nżommu dan il-bilanċ tant delikat fil-mument bejn l-ekonomija u s-saħħa. Bilanċ important immens anke f’sitwazzjoni li taf iddum xhur u għalhekk mhux biss kwistjoni li tagħmel restrizzjonijiet jew li żżidhom iżda li tkun sostenibbli kemm short, medium u potenzjalment long term,” qal il-Prim Ministru.

Malta mħejjija għal kull eventwalità dwar Brexit

Dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, il-Prim Ministru spjega li fil-bidu tal-laqgħa, il-mexxejja Ewropej ingħataw aġġornament tad-diskussjonjiet li qed isiru bejn in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier u r-Renju Unit.

Qal li għalkemm Michel Barnier huwa pożittiv li sal-aħħar tas-sena noħorġu bi ftehim dwar Brexit, s’issa hemm aktar inċertezza milli ċertezza.

Dr Abela qal li l-konklużjoni kienet li waqt li l-mexxejja se jibqgħu jaħdmu biex jintlaħaq ftehim, dan ma jridx ikun wieħed li jintlaħaq akkost ta’ kollox u żied li jew jintlaħaq ftehim tajjeb għall-UE jew mhux se jintlaħaq ftehim.

Rigward kif dan il-ftehim jolqot lil Malta, il-PM qal li l-Gvern Malti antiċipa dan il-pass, u qed jaħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx. Spjega li Malta hija mħejjija għal kull xenarju, f’każ li ma jkunx hemm ftehim u anke f’każ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni.