Flyover fl-Imrieħel: Il-Kunsill ta’ Ħal Qormi jwissi fuq effetti “diżastrużi”

Read in English.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qal li t-twessigħ tal-bypass fl-Imrieħel u l-bini ta’ flyover jaf ikollhom effetti diżastrużi.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qal li huwa ma kienx infurmat kollu kemm hu fuq il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li titwessa’ l-bypass tal-Imrieħel għal ġon-naħa ta’ San Ġwakkin f’Ħal Qormi. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kellux l-opportunità li jqajjem ċerti punti.

Huwa qal li l-effetti mhux biss mhumiex daqstant tajbin, “iżda jafu jkunu diżastrużi.”

Għalhekk, il-Kunsill Lokali ħa jitlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-awtoritajiet, biex jara li jissalvagwardja lir-residenti Qormin u lill-ambjent Qormi.

Il-proġett, flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel, se jikkawża t-teħid ta’ aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum u se jeqred l-attività tal-biedja fiż-żona, skont l-NGO Moviment Graffitti, li s-Sibt li għadda għamlet protesta u indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fuq il-proġett.

Dalgħodu, l-MEP Alfred Sant irreaġixxa għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta u qal li din l-entità trid tkun aktar trasparenti f’ħidmietha.

Ilbieraħ anke l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmgħet leħinha fuq dan il-proġett.

Hi kkundannat il-proposta ta’ Infrastructure Malta u staqsiet jekk hux se jkompli l-istupru li sofra Ħal Qormi matul l-aħħar 50 sena. F’difiża ta’ raħal twelidha, il-President Emeritu insistiet li l-Qriema mhumiex kontra l-progress, iżda wissiet li l-progress irid iservi lin-nies biex ikun progress ta’ vera.

Il-fehma tal-President Emeritu
“Kemm se jdum ilaqqat Ħal Qormi?”

X’taħseb fuq dan il-proġett?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt