Flus tal-passaporti għall-kanċer: Konsulent tal-Gvern ifaħħar; persuna bil-kanċer jipprotesta

Il-konsulent tal-Gvern Robert Musumeci faħħar l-inizjattiva tal-Prim Ministru li jagħti €5 miljun mill-flus tal-passaporti lill-għaqda Puttinu Cares. Mill-banda l-oħra il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, persuna li jitla’ Londra regolarment għall-kura tal-kanċer qal li jħossu disgustat u insultat bil-mossa tal-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru ta l-aħbar f’kollegament telefoniku mill-Awstralja. Id-donazzjoni se tittieħed mill-fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Il-fond jamministra l-flus li jidħlu mill-programm ta' ċittadinanza b'investiment (IIP), popolarment magħruf bħala l-bejgħ tal-passaporti.
Il-konsulent tal-Gvern, l-avukat, u perit Robert Musumeci qal li l-programm tal-IIP kien qed iservi l-funzjoni tiegħu. Miegħu qabel Jeffrey Pullicino Orlando, maħtur mill-Gvern bħala ċerpersin tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Tal-istess opinjoni huwa Jason Micallef, il-Kap tal-Kumitat li jmexxi l-Belt Valletta bħala belt kapitali tal-kultura. Hu iddeskriva lil Pawlu Borg Olivier (li esprima opinjoni differenti minn Micallef) bħala “il-ħmar tal-Belt".

Mill-banda l-oħra Beppe Fenech Adami fakkar li hu għamel aktar minn 7 ġimgħat għall-kura fl-Ingilterra u għadu jitla’ regolarment għall-kura. Huwa jħossu insultat għax iħoss li ntqal li biex jitfejqu l-vittmi tal-kanċer irridu “nbiegħu l-passaporti lill-korrotti u lill-kriminali.” Żied jgħid li anke tal-Mafja jagħtu l-karità mill-flus tal-kriminalita.

Fi kliem id-Deputat tal-PN Jason Azzopardi, is-soċjetà qed taħseb li reat kriminali jinħafer sakemm parti mill-qliegħ imur għall-karità.

Fi tweġiba għal dak li qal Jason Azzopardi, id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li għandu jkun hemm front komuni u għaqda b’risq dawk fil-bżonn. Qal li dawk li jġibu l-firda messhom jistħu.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li dan kien investiment f’kulħadd.

Il-Deputat tal-Partit Demokratiku (PD) Marlene Farrugia qalet li d-dover tal-Prim Ministru mhuwiex li jagħti l-karità lill-poplu minn flus il-poplu stess. Qalet li minflok, għandu jara li l-ebda familja taħt il-ħarsien tiegħu ma tiġi bżonn il-karità. 

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal lil-pazjenti tal-kanċer “jixirqilhom kura bi dritt imħallsa mill-istat, bħal kulħadd.” Qal li dawn m’għandhomx jiddependu fuq il-bejgħ tal-passaporti.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Rodrick Zerafa qal li d-donazzjoni tal-€5 miljun kienet l-aqwa investiment li għamel il-Gvern fl-aħħar ħames snin.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u għal Valletta 2018 Kelly Peplow qalet li tinsab kburija dwar kemm se jkun hemm familji li jibbenefikaw minn din id-donazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg staqsa kif “wara snin ta' 'surplus' u snin ta' tkabbir ekonomiku liema bħalu, għalfejn għad hemm bżonn ta' karita' bħal Puttinu Cares?”

Id-Deputat Sindku tal-Mellieħa Dario Vella qal li huwa kburi bil-Prim Ministru li ddeskrivieh bħala “wieħed u uniku”.

Il-blogger Manuel Delia qal li dawk il-€5 miljun ġew minn sorsi llegali. Żied jikteb illi mill-mijiet ta’ passaporti li inbiegħu il-Prim Ministru ta ħamsa għall-cancer.

Aktar kummenti: