Il-PN u l-PD jitolbu spjega dwar ix-xiri ta’ 49% ta’ Lombard Bank mill-flus tal-passaporti

L-aħbar li l-flus li daħlu mill-bejgħ tal-passaporti Maltin se jintużaw biex jinxtraw l-ishma tal-Lombard Bank mingħand il-Bank Popolari Ċiprijott qajmet t-taħssib fost il-Partit Nazzjonalista (PN) u l-Partit Demokratiku (PD).
Fi stqarrija, il-Bord tal-Governanza tal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) ħabbar li se jixtri 49.01% tal-ishma tal-Lombard Bank.
L-NDSF huwa aġenzija tal-Gvern stabbilit għall-iskop li jamministra 70% tal-kontribuzzjonijiet li jidħlu mill-Programm tal-Investitur Individwali (il-bejgħ taċ-ċittadinanza).  
Intqal li dan l-akkwist irid jiġi approvat mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Il-Bord qal li dan l-akkwist mhuwiex investiment strateġiku iżda qed isir biss biex jiffaċilita l-ħruġ tal-akbar azzjonist Ċiprijott ta’ Lombard Bank Malta p.l.c. u tal-MaltaPost. Żied jgħid li din kienet miżura li ttieħdet biex l-NDSF tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lin-negozji.
Skont il-Bord, l-NDSF m’għandhiex l-intenzjoni li żżid is-sehem tagħha fil-Lombard Bank. Intqal li l-NDSF se tkun qed tnaqqas l-ishma tagħha skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fi kliem il-Bord, dan l-akkwist mhux se jkun qed jirriżulta f’tibdil fil-kontroll tal-bank.
Ilbieraħ, Global Finance kkonfermat li se tkun qed iżżomm l-offerta tagħha biex tixtri lill-bank. Qalet ukoll li ma kienx hemm involviment minn York Capital. Dan imur kontra dak li qalet fi stqarrija preċedenti.
Reazzjoni tal-PN
Fi stqarrija, il-PN qal li qed jistenna trasparenza fid-deċiżjoni tal-Gvern. Il-PN qal li x-xiri tal-ishma fil-banek mill-flus tal-passaporti jmur kontra l-liġi.
L-Oppozizzjoni qalet li ġie rrappurtat mill-midja li sorsi qed jgħidu li dan il-pass huwa wieħed temporanju. Żiedet tgħid li qed titlob lill-Gvern biex jispjega jekk hux vera li dan huwa pass temporanju, u kif u meta se jiddisponi minn dawn l-ishma.
Reazzjoni tal-PD
Il-membri parlamentari tal-PD Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia bagħtu ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jispjega din l-aħbar nhar it-Tlieta fil-Parlament.
Il-Gvern, filwaqt li jaqbel mad-deċiżjoni indipendenti li ttieħdet mill-Fond Soċjali u Żvilupp Nazzjonali (NSDF) biex jinxtraw ishma tal-Lombard Bank, jemmen ukoll li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa u jemmen li hemm modi kif dan iseħħ filwaqt li tkun rispettata l-integrità u indipendenza ta’ dan il-Fond, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn professjonisti bla indħil mill-Gvern.
Reazzjoni tal-Gvern
Fi stqarrija, il-Gvern qal li huwa konvint li din id-deċiżjoni ttieħdet f’qafas ta’ żvilupp. Skont il-Gvern aktar ma jiżdiedu l-fondi, iktar isaħħu l-fondi li jintużaw għal skopijiet soċjali.
Skont il-Gvern, il-PN kien u għadu kontra l-bejgħ tal-passaporti.
Ritratt: Google Maps