Flus foloz f’Malta

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li fit‑tieni nofs tal‑2019, ġew irrappurtati 545 karta tal‑flus tal‑euro falza. B’hekk, għas‑sena 2019, l‑ammont totali ta’ karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni laħaq l‑1,389 karta tal‑flus falza.

Meta jitqabbel mal‑għadd ta’ karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f’Malta (medja ta’ ftit aktar minn 12.80 miljun fit‑tieni nofs tal‑2019), il‑proporzjon ta’ karti tal‑euro foloz għadu insinifikanti.

Hu baxx ukoll (0.18%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 308,000 karta tal‑flus.

Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f’Malta matul it‑tieni nofs tas‑sena, id‑denominazzjonijiet tan‑nofs jibqgħu l‑iktar denominazzjonijiet iffalsifikati. Flimkien, il‑karti tal‑€20 u tal‑€50 ammontaw għal kważi tlieta minn kull erba’ (74.5%) tal‑karti foloz kollha maqbuda fiċ‑ċirkolazzjoni. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karti tal‑€50 naqas filwaqt li żdied tal‑€20.

Minkejja l‑livell baxx ta’ flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti hekk kif fix‑xhur li għaddew kien hemm żieda fin‑numru ta’ karti tal‑flus foloz ta’ kwalità baxxa rtirati miċ‑ċirkolazzjoni. Kollha huma faċli ħafna li jiġu identifikati għaliex għandhom imitazzjonijiet tal‑karatteristiċi tas‑sigurtà ferm inadegwati.