Flus fil-kont minflok l-ismart card għall-istudenti

Mis-sena skolastika li ġejja, l-istudenti li kienu eliġibbli għall-ismart card se jibdew jirċievu l-flus direttament fil-kont bankarju tagħhom. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li s-sistema tal-ismart cards kienet qed iġġib magħha spejjeż kbar sabiex tiġi amministrata. Huwa semma kif dawn l-ispejjeż ilaħħqu madwar €175,000.
B’kollox hemm mat-18,000 student li għandhom smart card u li bejniethom jirċievu €7.5 miljun fis-sena.
Meta mistoqsi jekk din is-sistema l-ġdida tistax toħloq lok għall-abbuż mill-istudenti billi jistgħu jużaw dawn il-flus kif iridu, il-Ministru Bartolo qal li dawn l-abbużi setgħu isiru wkoll taħt is-sistema tal-ismart card.
Qal li jeżistu regolamenti dwar kif għandhom jitużaw dawn il-flus u saħaq dwar l-importanza li jkun hemm infurzar tagħhom sabiex jinqatgħu l-abbużi.