Pembroke: “Nisquha l-juice tal-konkos bħal tarbija”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=gbfdA4qjiuI]

Hekk kif aktar nies qed isemmgħu leħinhom kontra l-iżvilupp ta’ skola ġdida fuq art verġni f’Pembroke, Dr Adrian Grima kiteb poeżija ddedikata lil dawk kollha li joqogħdu Pembroke.
Dr Grima, poeta u lettur tal-Letteratura tal-Malti fl-Università ta’ Malta, fil-poeżija tiegħu bl-isem M’aħniex se nbaxxu rasna, kiteb dwar kif in-nies suppost għandhom ibaxxu rashom u jibqgħu siekta waqt li jintefgħu f’ġenb biex jiġru fosthom il-gafef.
Fost l-oħrajn kiteb dwar kif bil-mentalità tal-lum il-ġurnata suppost kulħadd joħlom kbir bil-bini għoli.
Fuq il-midja soċjali hu kiteb dwar kif hemm bżonn li l-pubbliku jirrealizza li Pembroke diġà għandu ħafna faċilitajiet edukattivi, rikreattivi, sportivi u militari li jintużaw minn mijiet ta’ persuni li mhumiex residenti Pembroke.
Qal li Pembroke loġistikament ma jiflaħx għal aktar żvilupp ġdid u li hemm bżonn li n-natura li fadal tkun preservata.
Dr Grima żied jgħid li hi ironika kif dejjem qed jinbnew aktar skejjel, meta fil-verità l-popolazzjoni tal-adolexxenti qiegħda dejjem tonqos drastikament.
Wara li ħafna residenti kitbu fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt kien tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.
Ftit tal-jiem ilu r-residenti ta' Pembroke ħabbru wkoll li se ssir protesta tal-massa nhar it-Tlieta 8 t’Awwissu fis-6pm fi Triq Gabriele Henin.
Ritratti: Leon Xuereb