“Flok bullying, sib soluzzjoni” – il-PN lill-Gvern dwar il-pompi tal-petrol

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jsib soluzzjoni minflok bullying mas-sidien tal-petrol. Qal li s-soluzzjoni li jrid isib il-Gvern m’għandhix titfa’ piż żejjed fuq il-familji.

Fi stqarrija ffirmata mil-Viċi Kap David Agius u d-deputat Edwin Vassallo, huma qalu li huwa inġust li s-sidien tal-pompi tal-petrol li huma parti minn franchising mal-Enemed li jkunu mhedda minn din l-entità kummerċjali li hija indipendenti mill-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li hija ta’ ħasra li f’Malta “jkun hawn min iħossu kbir u jilgħaba tal-bully maż-żgħir”.

Appellaw lill-Gvern biex iwaqqaf it-tattiċi tal-bullying fuq is-sidien tal-pompi tal-petrol u jekk irid jagħmel ġustizzja, għandu jara kif dawn is-sidien jingħataw il-kumpens meħtieġ u li qed ikun mitlub. Talbu wkoll biex isiru diskussjonijier serji mal-GRTU biex tinstab soluzzjoni għall-piż li jrid jitfa’ fuq is-sidien tal-pompi tal-petrol, mingħajr ma jitfa’ aktar piżijiet fuq il-familji u mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet tal-fjuwil.