Flixkun ketchup tat-tadam b’tattoo fuq id Ed Sheeran jinbiegħ €1,646

Tliet fliexken tal-ketchup tat-tadam kienu rkantati f’Londra b’wieħed minnhom jinbiegħ għal €1,646 (£1,500). Id-disinn fuq il-fliexken, li minnhom saru biss 150 wieħed fid-dinja kollha, huma bbażati fuq tattoo li għandu l-kantant Ingliż Ed Sheeran impinġija fuq idu.

Dawn il-fliexken saru bi ftehim bejn il-kantant u l-kumpanija Heinz. It-tliet fliexken li nbiegħu Londra ġabu l-prezz ta’ £1,050, £1,000 u £1,500. Il-fliexken saru fl-okkażjoni tal-150 sena minn mindu twaqqfet il-kumpanija.

Kelliem għal Heinz qal li ma jaħsibx li min xtara l-fliexken se jużah għax se jżommu b’tifkira. Iżda assigura lil kulħadd li l-ketchup fil-fliexken hu perfett u delizzjuż.

104 minn dawn il-fliexken se jingħataw b’rigal f’lotterija b’xejn li se ssir madwar id-dinja. Il-kumplament tal-fliexken se jmorru għand Ed Sheeran, dawk miktuba bħala ammiraturi ta’ Heinz u fil-mużewijiet. Id-donazzjonijiet kollha li jidħlu mill-bejgħ tal-fliexken se jingħataw lill-karitajiet.

Ed Sheeran, ta’ 28 sena, li biegħ aktar minn 150 miljun diska, ilu jħobb dan il-ketchup minn mindu kien tifel u fuq idu għandu t-tpinġija tat-tikketta tal-Heinz Tomato Ketchup.  Aktar kmieni din is-sena kiteb reklam għall-ketchup li fih jidher hu stess.