Flessibilità fuq ix-xogħol tfisser inqas traffiku – stħarriġ

Ħinijiet flessibli ta’ xogħol jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku madwar Malta filwaqt li tiżdied il-produttività fil-ħaddiema.

Dan ħareġ fi stħarriġ li għamlet il-Fondazzjoni Project Aegle bejn Novembru u Frar li għaddew fejn 80% tan-negozji intervistati qalu li nnutaw li t-traffiku jaffetwa l-produttività tal-impjegati tagħhom u allura offrew lill-ħaddiema tagħhom l-opportunità li jaħdmu f’ħinijiet flessibli jew mid-dar. B’dan l-arranġament ġew innutati bosta benefiċċji fosthom konċentrazzjoni ikbar u rata inqas ta’ assenteiżmu mill-impjegati kif ukoll servizz aħjar lill-klijienti.

Fl-istudju ħareġ ukoll li l-probabbiltà li x-xogħol jitlesta fil-ħin tikber, meta s-safar fuq xogħol isir fiż-żmien tas-sena meta r-rata tal-ivvjaġġar tkun baxxa kif ukoll meta l-impjegat ikun jista’ jaħdem direttament għand il-klijent.

Il-Fondazzjoni Aegle hija organizzazzjoni volontarja li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjoni tal-ambjent.