Fjamingu jinqatel fl-inħawi f’Delimara

Aġġornat 04:15 PM

Read in English.

Ferħ ta’ fjamingu ntlaqat minn tiri u spiċċa maqtula fil-baħar fl-inħawi magħrufa bħala il-Ħofriet qrib Xrobb l-Għaġin f’Delimara.

Bil-każ ġew infurmati l-BirdLife Malta filwaqt li sar rapport lill-pulizija.

Fuq il-media soċjali ntqal li xi ħadd spara lill-fjamingu minn fuq l-irdumijiet minkejja li fl-inħawi kien hemm numru ta’ dgħajjes ankrati. L-għasfur miet bil-kolp u spiċċa l-baħar.

L-għaqdiet tal-kaċċa jikkundannaw il-qtil tal-fjamingu

Filwaqt li ddisassoċjat ruħha minn kwalunkwe attivita llegali, il-Kaċċaturi San Ubertu fakkru li bħalissa l-istaġun huwa minftuħ biss għall kaċċa u teħid tal-fenek selvaġġ.

Anke l-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalu li persuni li jwettqu atti bħal dawn m’għandhom ebda post fil-Federazzjoni. Għaldaqstant stqarru li jekk jinsab min wettaq dan l-att vandalu u dan jinzerta membru tal-FKNK, is-sħubija tiegħu tkun immedjatament sospiża u skont is-sentenza tal-Qorti jista’ jkun imkeċċi minn membru.

Il-Kaċċaturi San Ubertu saħqu li atti illegali bħall dawn mandomx x’jaqsmu ma kaċċa pprattikata skond il-ligi. Spjegaw li din l-attività kriminali tmur ukoll kontra l-etika u l-ispirtu tal-kaċċa legali, liema attività hija marbuta ma teħid ta’ speċi b’mod legali, etiku u sostenibbli.