Fl-Olanda jinqatel ġuvnott f’park tat-tfal

Persuna nqatlet u tnejn oħra ndarbu meta rġiel armati fetħu n-nar qrib park tat-tfal fil-belt kapitali Olandiża Amsterdam.
Il-Pulizija Olandiża qalet li l-vittma kien ġuvnott li spiċċa maqtul minn xi rġiel b’wiċċhom mgħotti.
L-attakk seħħ f’żona residenzjali qrib ċentru għaż-żgħażagħ fejn isiru diversi attivitajiet, fosthom sessjonijiet ta’ tisjir għat-tfal.
Xhieda fuq il-post qalu li żewġt irġiel kienu qed ifittxu tifel li kellu jattendi lezzjoni ta’ kickboxing fl-istess ċentru. Sostnew li dawn l-irġiel daħlu jfittxu fil-bini, b’persuni jistaħbew taħt l-imwejjed, sakemm sabu lill-ġuvnott li kienu qed ifittxu.
Intant Malti li jinsab f'Amsterdam, fuq Facebook tella’ post li fih irringrazzja lil kull min ċempillu biex jara kif inhu. Huwa kkonferma li jinsab tajjeb.