Fl-Italja: Tinstab tarbija mejta f’wied; ommha suspettata bil-qtil

Andea Ferrario, Unsplash

Fl-Italja, mara ta’ 34 sena tinsab suspettata bil-qtil tat-tarbija tagħha ta’ erba’ xhur li nstabet mejta f’wied fin-nofsinhar ta’ Benevento.

Skont is-sit tal-aħbarijiet Ansa, il-Pulizija Taljana qalet li x’aktarx il-mara laqtet iċ-ċint tat-triq bil-karozza, ħarġet minnha u tefgħet lit-tarbija.

Għal diversi sigħat il-mara ġiet irrappurtata nieqsa mis-sieħeb tagħha ta’ 32 sena. Eventwalment ġiet arrestata u qed tinżamm bl-għassa fi sptar.

Dak li fil-bidu deher li seta’ kien inċident tat-traffiku, issa qed jieħu żvolta differenti. Mhux eskluż li l-mara kienet qed issofri minn dipressjoni ta’ wara t-tqala. Il-Pulizija qalu li minħabba li l-mara hi nieqsa mis-smigħ, kienet diffiċli biex jistabbilixxu djalogu magħha.