Fl-Italja miżmuma 8 dwar passaporti foloz, 4 oħra mkeċċija mill-pajjiż

Fl-Italja, ġew espulsi mill-pajjiż erba’ Marokkini, residenti f’Bologna, li kienu qed jagħmlu propaganda għall-ġiħad.
F’Milan inkixfet xibka ta’ nies li kienu qed joħolqu passaporti foloz u permessi foloz biex immigranti jgħixu b’mod legali fil-pajjiż.
Mill-ewwel investigazzjoni joħroġ li din ix-xibka għandha x’taqsam mal-Foreign Fighters, inkluż ma’ uħud arrestati f’Jannar li għadda.
S’issa ġew arrestati tmien persuni, erbgħa minnhom Sirjani. 
Fl-aħħar jiem, fl-Italja nqabdu 8 Sirjani b'passaporti foloz li ppruvaw jaqbdu titjiriet lejn Malta u żewġt irġiel oħra mill-Mali li ppruvaw jaqsmu bil-baħar lejn Malta minn Sqallija.
Il-pressjoni dwar sigurtà kompliet togħla anke fl-Italja fejn f'Turin, fl-ajruport ta’ Caselle, kien hemm mumenti ta’ biża’ meta lill-awtoritajiet waslitilhom telefonata anonima ta’ bomba abbord ajruplan.
B’xorti tajba, l-aħbar kienet biss waħda falza li ħolqot inkonvenjent kbir għall-135 passiġġier diretti lejn Ruma u għall-ħaddiema kollha tas-sigurtà fl-ajruport li kellhom jiċċekkjaw l-arjuplan.
Anke s-Sibt kien hemm telefonati b’theddid ta’ bombi, ukoll bla eżitu, qabel f’Turin kellhom jibdew kunċert mill-kantanta Madonna u l-partita tal-futbol mistenniija Juventus-Milan.