Fl-Italja jafu jsiru elezzjonijiet ġodda

Fl-Italja, il-moviment ta’ Ħames Stilel immexxi minn Beppe Grillo li rebaħ 25% tal-voti fl-elezzjoni ma appoġġjax l-idea li jkun hemm prim ministru kertejker maħtur mill-President Giorgio Napolitano, bil-prospett ta’ soluzzjoni ta’ malajr għal qagħda politika fl-Italja  kważi ma’ jeżistix wara r-riżultat elettorali inkonklussiv ta’ Frar li għadda.

L-eks prim ministru u l-kap tal-koalizzjoni taċ-ċentru-lemini Silvio Berlusconi, kien kontra li jkun hemm gvern teknokratiku bħalma kien hemm tal-Prim Ministru Mario Monti.   Berlusconi kien tal-fehma li għandu jkun hemm koalizzjoni u ried li jkun hemm ftehim mal-mexxej taċ-ċentru xelluq Pier Luigi Bersani inkella elezzjonijiet ġodda.

Il-kriżi bdiet wara li l-koalizzjoni ċentru-xelluq immexxija minn Bersani naqset milli jkollha maġġoranza  fis-senat fl-elezzjonijiet ġenerali tax-xahar li għadda minkejja li kiseb maġġoranza fil-parlament.

Bħalissa l-Italja, li huwa l-aktar pajjiż li għandu dejn fiz-zona ewro, tinsab mingħajr amministrazzjoni u aktarx isiru elezzjonijiet ġodda, bil-prospett li anke tiżdied l-inċertezza fis-swieq finanzjarji.