Fl-Istati Uniti tintrebaħ ‘l-ikbar lotterija fl-istorja’

Fl-Istati Uniti hemm mill-inqas tliet persuni li ħajjithom inbidlitilhom mil-lejl għan-nhar.
Ittellgħet dik li qed tiġi deskritta bħala l-ikbar lotterija jackpot fl-istorja, ta’ $1.5 biljun (€1.38 biljun), u l-biljetti rebbieħa huma tlieta – f’Los Angeles, Tennessee u fi Florida.
Sakemm intrebħet, il-lotterija kienet ittellgħet 19-il darba mingħajr ħadd ma jaqta’ s-sitt numri.
Ir-rebbieħa jistgħu jiġbru l-premju f’darba, jekk jaqblu li jaqsmu bejniethom $930 miljun (€852 miljun), inkella jkollhom pagament fix-xahar għal 29 sena.
Il-Gvern Federali ukoll jista’ jitqies bħala l-ikbar rebbieħ hekk kif se jieħu kważi 40% tat-taxxa tad-dħul minn fuq ir-rebbieħa…minbarra taxxi oħra li jistgħu jiġu mitluba jħallsu fl-istati fejn jgħixu.
Minkejja t-taxxi, xorta waħda t-tliet rebbieħa jistgħu jibdlu ħajjithom u, almenu mil-lat ta’ finanzi, iserrħu rashom għal għomorhom kollu.