Fl-Istati Uniti: 12-il persuna mejta wara li raġel jiftaħ in-nar; jinqatel mill-pulizija

Reuters

Impjegat, deskritt bħala rrabjat mill-pulizija, fetaħ in-nar fuq il-kollegi tiegħu f’Virginia fl-Istati Uniti lbieraħ, u qatel 12-il persuna u ndarbu mill-inqas erbgħa. Il-pulizija mbagħad sparawlu u qatluh.

Dan ġara f’resort max-xatt tal-bajja f’Virginia u kien l-agħar inċident b’arma tan-nar fl-Istati Uniti minn Novembru li għadda, meta nqatlu 12-il persuna f’Los Angeles minn raġel li mbagħad qatel lilu nnifsu.

Il-pulizija ta’ Virginia qalu li s-suspettat kellu arma armata b’apparat biex ma tagħmilx ħoss meta jkun hemm sparatura. L-ewwel vittma nqatlet barra, qabel ma s-suspettat daħal ġewwa u beda jispara kif ġie ġie.

Dawk li rnexxielhom isalvaw irrakkuntaw x’pandemonju nqala’ malli r-raġel beda jispara, hekk kif il-ħaddiema bdew jiġru u jippruvaw jinħbew.

Erba’ uffiċjali tal-pulizija sparaw lir-raġel, u dan ġie ddikjarat mejjet l-isptar. Uffiċjal minnhom indarab f’din it-taqtigħa, iżda kien liebes sidrija bulletproof apposta, li salvatlu ħajtu.

Il-pulizija ta’ Virginia qalu li bħalissa għandhom iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet dwar x’kienet ir-raġuni għal dan l-attakk.