Fl-Isptar Kattoliku ta’ Betlehem hemm post għal trabi ġodda

Trabi ġodda fl-Isptar Sagra Familja ta’ Betlehem

Daqs nofs mil ‘il bogħod mill-Knisja tan-Natività f’Betlehem li jżuruha eluf ta’ nies kull sena biex jaraw il-post fejn twieled Ġesù Bambin, hemm l-Isptar Sagra Familja li joffri post u servizz speċjali għal trabi ġodda u l-familji tagħhom.

“Il-bibien tagħna huma miftuħa għal kulħadd irrispettivament mit-twemmin jew mill-bżonn”, tgħid Michele Burke Bowe li hi membru fil-Bord tat-Tmexxija tal-Isptar. “Importanti li wieħed ikun jaf li dan hu sptar Kattoliku u jinsab 1,500 pass bogħod minn fejn twieled Ġesù Bambin”.

“Għalija din hi l-isbaħ missjoni Kattolika: li nkunu kapaċi ngħidu ‘iva, għandna post’ u nkunu kapaċi noffru kura lit-trabi u ommijiethom”, tgħid Bowe li hi wkoll l-Ambaxxatur tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta għall-Palestina.

L-Isptar Sagra Familja kien beda bħala sptar ġenerali fl-1880 mis-Sorijiet tal-Karità. F’nofs is-snin 80 kellu jagħlaq. Aktar tard reġa’ fetaħ bħala sptar tal-Maternità mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta.  Illum l-isptar jgħin fil-ħlas ta’ aktar minn 4,500 tarbija kull sena. Ħafna minn ommijiet Musulmani u oħrajn Insara Palestinjani.

“It-talba għas-servizzi tagħna qed tikber. Aħna l-uniku sptar li nistgħu nikkuraw kull tarbija li titwieled qabel 32 ġimgħa tat-tqala”, qalet id-Direttur.

L-Isptar għandu 62 sodda fosthom 18 għall-kura intensiva lil trabi li jkunu għadhom kif twieldu. Hu l-uniku wieħed li jipprovdi kura għal każi ta’ tqala f’riskju li hemm fid-distrett ta’ Betlehem u x-Xatt tal-Punent tal-Palestina. Madwar 10% ta’ dawk li jitwieldu ikollhom bżonn kura intensiva minħabba kumplikazzjonijiet. Madankollu l-isptar għandu rata baxxa ħafna ta’ mwiet.

Michelle Bowe tgħid li l-aktar ħaġa mportanti hi li hu sptar Kattoliku u sptar ta’ tagħlim. Kattoliku jfisser li hu sptar favur il-ħajja.  Kull tarbija tkun resuxxitata. Qalet li rat tfal jitwieldu fil-periklu għax ikunu jiżnu ftit wisq, imma mbagħad jieħdu r-ruħ u jmorru d-dar mal-ġenituri tagħhom fi żmien qasir.

“Qed insalvaw ħafna ħajjiet. Dawn it-trabi u ommijiethom, f’ħafna każi ma jkollhomx tama li jgħidu. Qed nagħmlu l-mirakli. L-istatistiċi tagħna huma ferm aħjar milli wieħed jista’ jistenna. Onestament nemmen li hi l-Madonna li tgħinnha biex l-affarijiet imorru sew.”

Nofs l-ispejjeż għat-tmexxija huma sussidjati mill-Fondazzjoni Sptar Sagra Familja, l-Ordni ta’ Malta u benefatturi oħra. “L-ispiża biex iżżomm tarbija f’kura intensiva għal disa’ xhur sħaħ hi kbira ħafna. Ekonomikament ma tagħmilx sens. Imma għalhekk aħna hawn: biex ngħinu n-nies u noffru tama”, sostniet Bowe.

Bi sħubija ma’ kamp tar-refuġjati tan-nisa, l-isptar jimpjega żewġ nisa biex jaħdmu barnużi fi stil Palestinjan, għat-trabi l-ġodda. It-tfal ikunu gustużi ħafna b’dawn il-kpiepel li jingħataw b’xejn u fil-jiem kiesħa jsibuhom tajjeb ħafna.  L-arja kundizzjonata hi rari f’dal post.

L-Isptar għandu madwar 20 konsulent u tobba residenti kif ukoll 80 qabla, infermiera u paramediċi oħra. Ilkoll huma Palestinjani. Dawn kollha flimkien il-mira tagħhom hi li jipprovdu l-aqwa kura, kura favur il-ħajja lill-ommijiet u lit-trabi.