Fl-ispirtu ta’ Jum l-Omm, it-talba biex isir sforz u jingħaqdu l-familji ta’ immigranti

Il-Kummissjoni Emigranti qed titlob lill-awtoritajiet biex fl-ispirtu ta’ Jum l-Omm li reġa’ wasal, jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħaqqdu lil dawk il-familji immigranti li minħabba t-traġitt perikoluż infirdu, speċjalment l-ommijiet mit-tfal.
L-appell imutr ukoll għall-komunità Maltija biex tiftakar ukoll fl-ommijiet refuġjati u oħrajn f’qagħda simili, speċjalment dawk fosthom li jinsabu fostna bi wlied li s’issa għad ma kellhomx ix-xorti jaraw lil missierhom u jsiru jafuh. 
Bħala ġest umanitarju, l-awtoritajiet imħeġġa jiftħu l-bieb u jiffaċilitaw ir-rijunifikazzjoni tal-familji fil-każi fejn il-missier jew l-omm għandhom protezzjoni sussidjarja f’Malta.
“Qegħdin nirreferu quddiem nett għall-każi fejn, minħabba ċirkustanzi umani straordinarji, spiss drammatiċi, l-ulied twieldu Malta mingħajr il-preżenza tal-missier, kif ukoll każi oħrajn fejn l-ulied ilhom snin ma jkunu ma’ missierhom jew ommhom”, jispeċifika d-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, Mons. Alfred Vella.
Itemm jgħid li jkun ta’ ġieħ liema bħalu jekk jinstab il-mezz addattat biex id-dritt li japplikaw għar-rijunifikazzjoni tal-familja li għandhom diġà r-refuġjati jibda jiġi estiż ukoll, bil-kundizzjonijiet addattati, għal dawk li jkollhom protezzjoni sussidjarja jew umanitarja. Dan jgħodd l-aktar għal dawk fost dawn l-aħwa li ilhom żmien konsiderevoli f’Malta.