Fl-Iskozja: “Iż-żiemel induna qabli li kelli tumur”

Mara mill-Iskozja rrakkuntat kif temmen li ż-żiemel tagħha nduna li kellha kanċer f’moħħha qabel ma ndunat hi.

Kelly Ann Alexander, minn Blackburn f’West Lothian, qalet li kienet sorpriża meta ż-żiemel tagħha, Aliyana, bdiet tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-parti tal-lemin ta’ rasha. Wara diversi attakki epileptiċi fl-2015, instab li kellha żewġ tumuri f’rasha.

Illum il-ġurnata, il-mara rkuprat minn dawn it-tumuri wara operazzjoni, radjoterapija u l-kimoterapija.

Alexander, li baqgħet issofri minn għajja kbira fil-parti xellugija ta’ ġisimha, qalet li qatt ma kienet se tieqaf tieħu ħsieb liż-żiemel tagħha li kien rigal tat-tieġ.

Hi u titkellem mal-BBC fl-Iskozja, il-mara spjegat li ma setgħetx tifhem għaliex Aliyana kienet il-ħin kollu xxommilha l-parti l-leminija ta’ rasha. Kienet tistaqsi lilha nnifisha jekk forsi hux għax użat xi shampoo differenti. “Għandi rabta speċjali ma’ Aliyana u qatt ma jien se nabbandunaha. Illum hi parti minn familti,” kompliet tgħid Alexander.