Fl-iskejjel għandu jiddomina s-sens komun – Il-Ministru Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li ħa bi kbira ħafna l-aħbar li Newsbook.com.mt żvela din il-ġimgħa meta nhar it-Tnejn li għadda tifel ta’ 3 snin telaq mill-iskola tal-Fgura mingħajr ħadd ma nduna.
Fuq RTK, il-Ministru Bartolo qal li l-għajta għal aktar sigurtà fl-iskejjel ilha ssir snin.  Semma wħud mill-proposti dwar kif l-iskejjel ikunu aktar siguri fosthom li jiġu ngaġġati persuni tas-sigurtà.  Madanakollu, il-Ministru saħaq li l-aktar li hemm bżonn fl-iskejjel huwa s-sens komun.
Qal li bħal meta l-ġenituri jħallu l-bibien tad-djar magħluqa bil-biża li t-tfal joħorġu barra t-triq, tant ieħor għandhom jagħmlu l-istess l-iskejjel.
Il-Ministru Bartolo żied jgħid li l-bibien kollha tal-iskola għandhom dejjem jinżammu magħluqa, u mhux biss ix-xatba.
Sarkastikament, il-Ministru żied jgħid li “m’hemmx għalfejn ikollok Dottorat biex tagħmel dawn l-affarijiet”.  
Saħaq ukoll li sax-xahar id-dieħel il-Ministeru għall-Edukazzjoni jrid ikollu f’idejh ir-rapport tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi dwar x’ġara eżatti fi Skola Sajf tal-Fgura.  
Din mhix l-ewwel darba li tifel telaq minn skola mingħajr ħadd ma nduna.  Madwar tliet snin ilu fl-iskola tal-Mosta, tifel telaq mill-iskola mingħajr l-approvazzjoni ta’ ħadd.
Il-Ministru Bartolo temm jgħid li minn Ottubru li ġej għandha tibda l-ħidma biex waqt SkolaSajf 2015 ma jiġux ripetuti l-iżbalji ta’ din is-sena.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech