“Fl-immigranti kont nara lil Ġesù” – Edel lill-Isqof

Noel Camilleri

Fl-Omelija tiegħu fil-funeral tas-Supretendent Edel Mary Camilleri, Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha, Edel qaltlu li xogħlha mal-immigranti kienet tħoss li qed tagħmlu ma’ Ġesù.

Fil-funeral li sar fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, l-Isqof Grech qasam l-esperjenza tiegħu ma’ Edel meta huwa amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Jgħid li peress li kienet taf li jiemha kienu magħduda, qalet li dubju wieħed kellha: jekk setgħetx għamlet aktar biex tħobb lil Ġesù.

F’dan il-kuntest, l-Isqof qal li f’dan il-kuntest Edel ftakret fil-ħidma tagħha mal-immigranti li jaslu bid-dgħajjes u qaltlu wkoll li “hemm ħafna aktar xi jsir biex aħna nagħrfu lil Ġesù f’dawn in-nies”.

“Ilkoll nagħlu li tlifnieha”

L-Isqof Grech tkellem dwar ħidmet Edel fil-korp tal-Pulizija. Huwa qal li għalkemm, kif kien dmirha, kienet attenta biex tapplika l-liġi, dan kienet tagħmlu b’ħafna umanità. Jispjega li kienet persuna retta li minn qalbha ħadmet biex tirrestawra l-ordni miksur minn dawk li ma għandhomx il-biża’ ta’ Alla. Saħaq li Edel kienet il-mara li kellha l-biża’ ta’ Alla imma ma kinitx tbeżża’. L-Isqof qal li kien għalhekk li l-familja, ħbiebha, il-kollegi tagħha u l-Korp, ilkoll jagħlu li tlfuha.

“L-ikbar inkiwet tagħha mhux il-mard, imma l-ġenituri”

Matul l-Omelija, l-Isqof qal ukoll Edel kienet “mara li temmen” u saħaq li l-marda tagħha kompliet saffiet twemminha. Spjega li f’dawn l-aħħar xhur it-tħassib serju tagħha ma kinitx il-marda, imma l-ġenituri tagħha, tant li sakemm setgħet taħbi, ħalliethom sajmin minn dak kollu li kienet għaddejja minnu.

Il-Korp tal-Pulizija kien preżenti b’numru ta’ uffiċjali u anki bil-banda tal-Pulizija li akkumpanjat id-dħul tat-tebut fil-Knsija filwaqt li l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż kienu mmexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt tkellem mal-Arċipriet Mons. Karm Refalo, li kien jaf lil Edel mill-qrib.