Fl-ewwel sena tiegħu, il-Prim Ministru sema’ biss lilu nnifsu -PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li ġie kkonfermat kemm l-għebusija tar-ras tal-Prim Ministru Muscat saret karatteristika ewlenija ta’ Gvern Laburista. 
Fi tmiem sena ta’ Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Muscat webbes rasu u daħħal lil Malta fi sqaq meta pprova jwettaq pushback fuq l-immigranti irregolari li waslu f’Malta.

Il-PN jgħid li l-Prim Ministru Muscat ta daqqa ta’ ħarta lir-reputazzjoni ta’ Malta meta nsista li jimxi bi skema taċ-ċittadinanza li kienet sigrieta, bla ħolqien ta’ investiment u li ma toħloqx rabta mal-individwi interessati. Issa l-Prim Ministru qed jerġa’ jwebbes rasu bid-deċiżjoni tiegħu li jankra l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk, tkompli tgħid l-istqarrija. 
 
L-istqarrija tgħid li minkejja li 91% tar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta huma kontra d-deċiżjoni li l-gass jiġi maħżun fil-bajja ta’ Marsaxlokk, u minkejja l-punti tekniċi li tqajjmu minn numru ta’ esperti indipendenti, il-Prim Ministru qed jibqa’ jwebbes rasu li jankra l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
 
Sena wara l-elezzjoni, hu ċar li l-Prim Ministru nqata’ min-nies u qed jisma’ lilu nnifsu biss, ittemm tgħid l-istqarrija.