“Fl-ewwel sena l-Gvern wettaq 30% tal-manifest elettorali” – Louis Grech

Waqt id-diskussjoni pubblika ‘Gvern li Jisma’’, il-Viċi Prim Ministru Louis Grech qal li l-Partit Laburista fil-Gvern matul din l-ewwel sena tal-leġiżlatura rnexxilu jimplimenta daqs 30% tal-manifest elettorali.
54 miżura diġa’ twettqu filwaqt li 40 waslu biex jitwettqu. Il-Gvern qiegħed jaħdem ukoll fuq 70 proposta oħra.
Grech saħaq li fil-manifest elettorali hemm aktar minn 800 proposta. Enfasizza li l-aktar importanti huwa li diġa' tnaqqas id-defiċit u issa se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 
Filwaqt li elenka l-miżuri kollha li diġa’ daħlu fis-seħħ, Louis Grech sostna li b’dan ir-ritmu l-Gvern se jkun f’pożizzjoni li jimplimenta l-manifest elettorali fi żmien il-leġiżlatura kollha.
Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Ian Borg li laqa’ b’sodisfazzjon li l-fondi allokati għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin se jiżdiedu.
Sostna li dawn il-fondi ġodda se jintużaw mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.
€6 miljun mill-fondi Ewropej se jmorru sabiex jiġu installati sistemi ta’ enerġija rinovabbli fir-Residenza San Vinċenz u skola primarja. 
Borg qal li sa' sitt xhur ilu kienu se jintilfu mal-€200 miljun ewro f'fondi Ewropej.