“Permezz tal- Isqof Grech, il-Mulej tana ħafna grazzji” – L-Isqof Anton Teuma

Read in English.

Fl-ewwel ittra pastorali tiegħu l-Isqof t’ Għawdex Anton Teuma flimkien mal-Kanċillier Salv. Debrincat, radd ħajr lill-Isqof Mons. Mario Grech, li qeda d-Djoċesi ta’ Għawdex għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena.

“Permezz ta’ Mons. Isqof Mario Grech, il-Mulej tana ħafna grazzji” qal l-Isqof Teuma, li semma ftit minnhom.

Hu qal li l-imħabba tiegħu għall-Kelma ta’ Alla wasslitu biex isaħħaħ il-katekiżmu tat-tfal u l-adolexxenti; u jmexxi ’l quddiem diversi gruppi, bħalma huma dawk tal-Lectio Divina, il-komunitajiet Neo-Katekumenali u l-komunitajiet Ewkaristiċi. U dan, mingħajr ma warrab l-għaqdiet u l-movimenti tal-Leġjun ta’ Marija, il-Museum u l-Azzjoni Kattolika.

L-Isqof Mario Grech saħaq kemm felaħ biex l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata bid-dinjità li tistħoqqilha. “Spiss kien idawwalna u jħeġġiġna b’omeliji sbieħ, magħġuna bil-Kelma u bil-profondità tal-persuna tiegħu. Il-preparazzjoni u l-kura tal-Liturġija kienu għalina sejħa u stimolu biex il-Qsim tal-Ħobż isir kif jixraq,” kompla jispjega fl-ittra pastorali l-Isqof Anton Teuma.

Semma’ kif ta’ spiss l-Isqof Mario Grech kien ikun ħdejn is-sodda tal-marid u ta’ min qiegħed imut. Bħala Isqof ta’ Għawdex dejjem tkellem favur il-barrani u ħeġġeġ biex ikollna qalbna kbira biex tilqa’ lil kulħadd.

“Grazzi, Eċċellenza, tal-ħidma u d-dedikazzjoni sħiħa tiegħek bħala l-Isqof tagħna. Grazzi li dejjem kont hemm għalina. Grazzi tat-tbatija tiegħek fis-skiet. Grazzi tal-iljieli mqajjem minħabba l-inkwiet tagħna. Grazzi, Eċċellenza, tal-kuraġġ li dejjem għamiltilna,” kompla jikteb l-Isqof Teuma.

L-Isqof Anton Teuma temm l-ewwel ittra pastorali tiegħu billi fl-aħħar u mhux l-inqas irringrazzja lill-Isqof Mons. Mario Grech li fil-persuna tiegħu ser jieħu biċċa mill-Knisja Għawdxija fil-qalba tal-Knisja Universali.