Fl-Etjopja: Imutu 10 waqt protesta fuq iz-zokkor

Mill-inqas għaxar persuni nqatlu u mill-inqas għoxrin persuna ġew midruba fil-belt ta’ Ambo fl-Etjopja, wara li membri tal-forzi tas-sigurtà sparaw fuqhom waqt protesta kontra l-gvern.
In-nies kienu qed jipprotestaw kontra r-razzjonar u l-prezzijiet dejjem jogħlew taz-zokkor, minħabba skarsezza li laqtet il-pajjiż wara li l-fabbriki taz-zokkor ma baqgħu jaħdmu minħabba x-xita.
Madankollu, protesti fir-reġjun għal għanijiet differenti ilhom għaddejjin mill-2015.
Skont investigazzjoni kkummissjonata mill-Parlament, kważi 700 persuna nqatlet waqt protesti kontra l-gvern, il-politika fil-pajjiż u għad-drittijiet umani s-sena l-oħra.
Dan wassal lill-gvern biex jiddikjara stat ta’ emerġenza għal perjodu ta’ disa’ xhur, li tneħħa f’Awwissu li għadda.