“Fl-elezzjoni ġenerali l-poplu se jkollu ċans jibdel il-ftehim ta’ Brexit” – Michael Gove

Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-poplu Ingliż se jkollu ċans isemma’ leħnu dwar il-ftehim finali ta’ Brexit.
Skont Michael Gove, is-Segretarju għall-Ambjent Ingliż faħħar il-kapaċità ta’ Theresa May talli rnexxielha tilħaq ftehim bl-eżatt biex ilbeieraħ ttemmet l-ewwel tan-negozjati ta’ Brexit.
Madanakollu l-istess Segretarju qal mal-midja internazzjonali li jekk il-poplu Ingliż ma jogħġbux dan l-arranġament se jkollu l-opportunità li jibdlu.
Diversi rapporti qed jgħidu li l-kabinett Ingiliż se jiltaqa’ fid-19 ta’ Diċembru, jumejn biss qabel ixolji għall-vaganzi tal-Milied, biex jiddiskuti t-termini u pjanijiet li jixtieq li l-pajjiż jilħaq permezz ta’ Brexit.
Gove, li hu wieħed mill-aktar membri tal-kabinett li huma favur Brexit, qal li hekk kif l-Ewropa u l-Ingilterra issa laħqu l-ftehim għall-ewwel fażi, issa jmiss li tibda t-tieni fażi tan-negozjati li titratta n-negozju bejn il-Kontinent u l-pajjiż.
Hu sostna li jekk il-poplu Ingliż ma jaqbilx mal-arranġament li l-Gvern preżenti jkun laħaq mal-Unjoni Ewropea, dan jistà jivvota għal Gvern ġdid, liema Gvern ikun jista’ jibdel u jirranġa kif ikun irid hu t-termini tan-negozju mal-UE.
L-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-Ingilterra se ssir fl-2022, tliet snin wara li l-Ingilterra tkun ħalliet l-UE.