Fl-Eġittu YouTube sospiż għal xahar wara insult lil Mohammed u lill-Musulmani

Qorti Eġizzjana ordnat is-sospensjoni ta’ YouTube għal xahar fir-rigward tat-turija ta’ filmat li jinsolenta lil Mohammed, li l-Musulmani jżommu bħala l-ikbar profeta.

Skont Mena, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat, il-Qorti Amministrattiva tal-pajjiż ordnat lill-Ministeru tal-Komunikazzjoni sabiex timblokka s-sit-internet tal-Google fl-Eġittu wara li din uriet il-filmat ta’ tlettax-il minuta bit-titlu “Innocence of Muslims”. Lura f’Settembru li għadda, il-filmat maħdum fl-Istati Uniti tal-Amerika, qajjem rabja kontra l-Amerikani fl-Eġittu u f’pajjiżi Musulmani.

Għal ħafna Musulmani, il-filmat li kien iwaqqa’ għaċ-ċajt lil Mohammed.

Il-Qorti Eġizzjana qalet li YouTube insistiet li l-filmat jidher, anki jekk kien jinsulenta lill-Islam u lil Mohammed, b’disrispett lejn miljuni ta’ Eġizzjani u bi provokazzjoni ta’ rabja fost il-Musulmani.

L-Awtorità Regolatorja tat-Telekomunikazzjoni fl-Eġittu qalet li kif ikollha s-sentenza tal-qorti bil-verdett f’idejha, hija tesegwixxi.

Ħadd minn Google jew YouTube ma kkummenta.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.