Fl-Eġittu qorti tiċaħad l-akkużi kontra l-attivista politiku Alaa Abdel Fatah

Fl-Eġittu, qorti ċaħdet l-akkużi li tressqu kontra l-attivista politiku Alaa Abdel Fatah. Huwa kien qed jiġi akkużat li nċita l-vjolenza fil-ġlied li kien hemm dan l-aħħar barra l-kwartieri tal-Aħwa Musulmani tal-President Mohamed Morsi f’Muqattam. L-inċidenti seħħew nhar il-Ġimgħa li għadda.

Dan il-blogger irrifjuta li jagħmel stqarrijiet quddiem il-prosekuzzjoni u talab li jkun hemm imħallef investigattiv biex jinterrogah fuq l-akkużi li kien hemm kontrih għax huwa qal ma jafdax il-prosekutur.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Prosekutur Ġenerali Talaat Ibrahim ordna l-arrest ta’ ħames attivisti ewlenin fuq akkużi li nstigaw il-vjolenza fi ġlied li kien hemm, meta huma sejħu għal protesti barra l-kwartieri tal-Aħwa Musulmani.