Fl-Eġittu ddikjarat stat ta’ emerġenza għal tliet xhur sħaħ

Il-President tal-Eġittu, Abdul Fatah al-Sisi, iddikjara stat ta’ emerġenza fil-pajjiż għat-tliet xhur li ġejjin, u dan wara l-attakki-bomba li seħħ ilbieraħ f’żewġ Knejjes Kopti li ħallew 44 mejta.
Fil-palazza presidenzjali tiegħu, al-Sisi tkellem b’mod sfidanti ħafna, dirett lejn l-estremisti tal-ISIS, li ftit wara l-attakki refgħu r-responsabbiltà tal-attakk qattiel.
Huwa qal li l-ġlieda kontra dawn il-ġiħadisti se tkun waħda twila u muġugħa.
L-istat ta’ emerġenza jfisser li issa l-awtoritajiet jistgħu jarrestaw lil persuni suspettati mingħajr mandat ta’ arrest, kif ukoll jidħlu jfittxu fid-djar mingħajr il-permess kemm ta’ dawk fuqhom kif ukoll tal-persuni li jkunu joqogħdu fid-djar imfittxija.
Dan l-istat ta’ emerġenza jeħtieġ ikun approvat mill-parlament qabel jgħaddi, iżda jidher li mhux se jsib xkiel f’dan.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-ISIS attakka lill-minoranza ta’ Kristjani Kopti fl-Eġitttu, u hedded li se jkun hemm aktar attakki.
L-attakk ta’ lbieraħ seħħ eżatt f’waħda mill-ġranet imqaddsa fil-kalendarju Kopt, jiġifieri Ħadd il-Palm, dħul Ġesù f’Ġerusalemm.
Sadanittant, waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm fil-Vatikan, il-Papa talab għall-vittmi ta' dan l-attakk.